Biex tordna u tixtri att jew testment, jekk jogħġbok ikklikkja hawn. Għandek tirċievi SMS u email li jkun
fihom ir-referenza tal-ordni tiegħek.
L-ordni tiegħek tiġi stampata mill-impjegati tal-Front Office fejn tiġi indiċjata,
jiġifieri l-post tal-volum jinstab minn database interna. Il-volum jiġi
maqlugħ mill-arkivji u jgħaddi għat-taqsima tat-tfittxija, fejn l-att ordnat
jinstab permezz tad-dettalji pprovduti. Huwa importanti li d-dettalji pprovduti
jinkludu l-isem tan-Nutar, id-data tal-kuntratt jew it-testment ordnat, u
kwalunkwe informazzjoni addizzjonali bħall-isem u l-kunjom tal-partijiet,
it-testaturi, jew l-indirizz tal-proprjetà.
Ladarba jkun misjub l-att jew it-testment, il-volum jgħaddi għat-taqsima
tal-iskenjar flimkien mal-ordni. Il-kuntratt jew testment jiġi skenjat permezz
ta’ overhead scanners moderni mixtrija apposta biex titnaqqas il-ħsara
fuq il-volumi misjuba fl-arkivji. Ladarba jkun ġie skenjat, il-volum jiġi mqiegħed
mill-ġdid fil-post oriġinali tiegħu filwaqt li l-ordni tgħaddi għand it-taqsima
tal-ikkatalogar. Din it-taqsima tieħu ħsieb li tipprepara l-isken biex
jittella' onlajn. Dan il-proċess jirrikjedi li l-katalogatur jagħmel il-cropping
tal-paġni jekk ikun meħtieġ, u jaqsam il-kuntratt f'partijiet differenti
(jiġifieri f'Kuntratt, Dokumenti Mehmuża, Pjanijiet u Dokumenti tat-Taxxa).
Ladarba jkun lest, l-informazzjoni tal-kuntratt jew tat-testment tiddaħħal fis-sistema
u d-dokument jittella’ fuq notarialacts.gov.mt, fejn ikun disponibbli fi ftit sigħat. Malli
dan iseħħ, tiġi infurmat permezz ta' SMS u email li l-ordni tiegħek hija
lesta.