Jekk ninforma nkun żleali?

Le. L-infurmant jista’ jkun fost l-aktar impjegati leali, iżda jemmen li hu fid-dover li jwissi u jwaqqaf periklu jew illegalita’ għall-benefiċċju tal-kollegi tiegħu, jew ta’ min iħaddem, jew tal-pubbliku. Hawn il- “Whistleblower” ikun qed isalva l-ħajja, x-xogħol, l-għixien jew ir-reputazzjoni ta’ terzi persuni jew kumpaniji.
Tliet ħsibijiet perspettivi għal riflessjoni:
- Jekk it-tarbija tiegħek tkun ser tiġi operata fi sptar – INT tkun trid lill-infermiera tisvela informazzjoni li l-kirurgu li ser jopera huwa inkompententi?
- Jekk INT dik l-infermiera, tħoss li għandek tgħaddi l-informazzjoni li taf fuq l-inkompetenza tal-kirurgu – u li jekk jopera lil dik it-tarbija jista’ jagħmel iktar ħsara milli ġid?
- Jekk INT id-direttur tal-isptar, tkun trid lil xi ħadd jinfurmak bl-aġir ħażin ta’ dak il-kirurgu fil-ħin, u qabel ssir ħsara lill-pazjenti u b’detriment għar-reputazzjoni tal-isptar?
Kif nista’ nsaffar is-suffara?
Kull Ministeru tal-Gvern ta’ Malta appunta uffiċjal apposta li jgħidulu“Whistleblowing Officer”. Jekk int impjegat fis-settur pubbliku, għandek tgħaddi l-informazzjoni li għandek lill-“Whistleblowing Officer” fi ħdan il-Ministeru fejn taħdem.
Jekk int impjegat mas-settur privat u min iħaddmek għandu proċeduri nterni għall-iżvelar ta’ informazzjoni, għandek issegwi dawk il-proċeduri.Biex wieħed iserraħ moħħu minn protezzjoni taħt dan l-Att, huwa mportanti li wieħed jgħaddi l-informazzjoni internament u skont il-proċeduri ta’ min iħaddem.
Jekk min iħaddem m’għandu l-ebda proċedura biex jirċievi u jipproċessa informazzjoni mingħand l-impjegati, tista’ tgħaddi l-informazzjoni tiegħek lill-external whistleblowing officer li jvarja skont is-settur li taħdem fih.
Għal aktar ghajnuna fuq kif ghandek tgharraf bl-informazzjoni, kemm jekk int impjegat fis-settur pubbliku u kemm jekk int impjegat fis-settur privat, tista’ tibghat email fuq[email protected]
Qabel tipproċedi bl-iżvelar:
Ibqa’ kalm
Ftakar li int xhud u mhux kwerelant
Għid u tkellem biss fuq il-fatti li taf bihom int – tassumix, u tagħmilx allegazzjonijiet
Tipprovax tinvestiga l-kwistjoni li qed tirraporta.

Il-Liġi tipproteġi l-identita’ tiegħi?
Il-liġi timponi dmir strett ta’ kunfidenzjalita’ favur il-persuni li jiżvelaw informazzjoni dwar aġir mhux xieraq. Dan jfisser li l-identita’ ta’ min jiżvela u jagħti nformazzjoni li tista’ twassal għal twaqqif ta’ abbuż jew inġustizzja ma tistax tiġi żvelata mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-informantstess, bil-miktub.
X’differenza hemm bejn li tkun anonimu u li tibqa’ kunfidenzjali?
Li wieħed jibqa’ anonimu, jfisser li wieħed fl-ebda ċirkostanzi ma jagħti ismu jew id-dettalji tal-identita’ tiegħu. Li wiehed jibqa’ kunfidenzjali jfisser li impjegat jagħti ismu fuq il-kundizzjoni illi dan ma jiġix żvelat mingħajr il-kunsens tieghu.
Allura mhux aħjar nibqa’ anonimu?
Le. Rapporti anonimi m’humiex protetti taħt il-liġi, iżda xorta jistgħu jiġu investigati.
Żvantaġġi oħra ta’ anonimita’:
a. Imbilli tibqa’ anonimu ma jfissirx li ħaddieħor mhux ser jiskopri minżvela l-informazzjoni,
b. Huwa aktar diffiċli li jiġi nvestigat il-każ li qed jigi rraportat, jekk l-investigaturi majkunux jistgħu jsaqsu mistoqsijiet sussegwenti lill-informatur,
ċ. Tista’ tingħata inqas importanza lill-każ jekk jidħol is-suspett li l-informazzjoni svelatam’hijiex ġenwina.
Min jiżvela informazzjoni jitkeċċa?
Le. Min jiżvela l-informazzjoni huwa speċifikament protett bil-liġi millijitkeċċa, jew milli jsofri konsegwenzi negattivi fuq il-post tax-xogħol. Barra minn hekk, persuna li tiżvela informazzjoni ma tistax tiġivvittimizzata, intimidata jew iffastidjata għax irrapportat aġir ħażin.
Xorta nkun protett mill-liġi jekk jien kont parti mill-aġir ħażin?
Hawnhekk qed nitkellmu fuq każijiet fejn min jikxef ikun ipparteċipa hu wkoll fl-aġir ħażin. Jekk tiżvela informazzjoni fuq aġir ħażin li kont involut fih int, il-liġi toffri mitigazzjonijiet varji fir-responsabbilta’ rigwardanti. Bħala regola, fi proċedimenti kriminali, dixxiplinarji jew ċivili kontrik, l-Qorti jew t-Tribunal li qed jisma’ l-każ, meta jkunu qed jagħtu s-sentenza, jieħdu kunsiderazzjoni l-fatt li dik il-persuna rrapurtat il-każ. F’din is-sitwazzjoni, il-Qorti tkun tista’ tnaqqas is-sentenza jew l-ammont ta’ danni dovuti.
F’każijiet oħra, l-liġi tagħti poter lill-Avukat Ġenerali biex joħroġ ċertifikat ta’ immunita’ sħiħa minn kull passi kriminali kontra l-informatur u l-liġi anke tgħid li l-informatur jista’ jingħata identita’ ġdida kompletament.
Ovvjament ebda każ m’hu bħall-ieħor u jiddependi mill-gravita’ tal-kwistjoni.
Huwa importanti ħafna illi jekk tkun se tiżvela informazzjoni fuq każ fejn int involut, tfittex parir legali qabel ma tagħmel dan.
X'inhuma l-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti biex ir-rapport ikun protett mill-liġi?
Biex ir-rapport ikun protett mill-liġi:
- Inizjalment irid ikun hemm kredibilita’ li l-każ huwa ġenwin, u li juri li jista’ jkun hemm aġir ħażin da parti ta’ min iħaddmek jew ta’ persuni li jaħdmu għan-nom u għall-interessi ta’ min iħaddmek.
- Ir-Rapport ma jridx isir għall-gwadan personali tal-informant.
Jekk tiżvela informazzjoni li taf li hija żbaljata, ma tkunx protett u tkun qed tikkometti offiża kriminali.
Il-liġi tipproteġi rapporti ġenwini magħmula in bona fede iżda persuni li jagħmlu rapporti malizzjużibiex jagħmlu ħsara lil impjegati oħra jew lil min iħaddem ma jkunux protetti.