Malta ngħatat l-ewwel Kostituzzjoni tagħha fl-1835. Din il-Kostituzzjoni pprovdiet għall-formazzjoni ta' Kunsill tal-Gvern mhux elett.
Kien biss erbatax-il sena wara dan l-episodju li n-nazzjon Malti ngħata l-opportunità li jagħżel membri magħżula fuq dan il-Kunsill. Dawn il-membri eletti kienu jirrappreżentaw minoranza ta' membri fuq il-Kunsill u kienu jirriflettu biss minoranza tan-nies, billi 3,767 persuna biss setgħu jivvutaw.
L-ewwel elezzjonijiet ġenerali saret 165 sena ilu.
Dawn l-elezzjonijiet kienu ta' natura personali, bil-kandidati jiġu eletti f'isimhom stess.
Kien fl-elezzjonijiet tal-Kunsill tal-Gvern tal-1880 meta l-kandidati organizzaw lilhom infushom taħt il-kappa ta' partit bil-formazzjoni tal-Partit Anti-Riformist (illum imsejjaħ il-Partit Nazzjonalista) immexxi minn Fortunato Mizzi.
Sentejn wara r-revoluzzjoni tas-Sette Giugno fl-1919, pajjiżna ngħata Kostituzzjoni li tat aktar setgħa lill-Maltin permezz ta' stabbiliment ta' Assemblea Leġiżlattiva. Din l-Assemblea kellha s-setgħa li twaqqaf liġijiet f'ċerti oqsma partikolari.
Matul dawn l-elezzjonijiet il-partiti politiċi kienu protagonisti. Hawnhekk rajna l-formazzjoni tal-Partit Laburista, il-Partit Kostituzzjonali u l-Partit Demokratiku Nazzjonalista, li kien fergħa tal-Partit Anti-Riformist li dak iż-żmien beda jkun magħruf bħala l-Unione Politica Maltese.
L-iżvilupp Kostituzzjonali ta' pajjiżna kien wieħed iebes u diffiċli. Matul dan il-proċess, in-nazzjon Malti sar sovran u mexxej tal-ġejjieni tiegħu stess; u eżerċita is-sovranità tiegħu billi sar Membru tal-Unjoni Ewropja.
F'dan kollu, l-partiti politiċi kienu essenzjali fil-mod kif għaddew l-messaġġ. Il-partiti nċentivaw lin-nies u ġabu d-demokrazija f'xi ħaġa pożittiva, tant li n-nies saru jħossuha ġo fihom.
L-għanijiet li pajjiżna laħaq huma r-riżultat l-ewwel u qabel kollox tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Maltin u l-Għawdxin, riżultat tal-ġudizzju tajjeb tal-mexxejja politiċi tagħna u r-riżultat tal-ħidma demokratika tal-partiti politiċi tagħna.
Barra minn hekk il-partiti politiċi tagħna huma l-inkubaturi li jipproduċu politika li fl-aħħar tal-ġurnata jgħinu liċ-ċittadini fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Huwa fundamentali li l-mekkaniżmu li jaċċerta li l-politika ssir fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-poplu tiegħu huma fis-seħħ.
Fis-sena 2014 l-popolazzjoni Maltija ċċelebrat 50 sena mill-Jum l-Indipendenza, 40 sena mill-Jum tar-Repubblika, 35 sena min Jum il-Ħelsien, u 10 snin minn meta Malta saret Membru tal-Unjoni Ewropja, l-Gvern propona u waqqaf il-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi f'pajjiżna.